Il-website tas-Soċjetà Mużikali Peace hija pjattaforma diġitali li tippermetti lill-viżitaturi jsegwu l-attivitajiet tas-Soċjetà, isiru jafu aktar dwar l-istorja tagħha u ta' beltna n-Naxxar, kif ukoll jerġgħu jgħixu memorji ta' avvenimenti li seħħew matul is-snin.
Fost il-kontenut li wieħed jista' jsib hemm arkivju estensiv ta' ritratti, li jservi bħala ġabra ta' memorji ta' attivitajiet, ċelebrazzjonijiet u avvenimenti passati. Din is-sena, b'mod partikolari, fl-album relatat mal-Festa ġew ippubblikati mijiet ta' ritratti, li l-viżitaturi jistgħu jidħlu jaraw u permezz tagħhom jerġgħu jgħixu l-mumenti u l-esperjenzi li għaddew.
Il-website tiġi aġġornata regolarment b'artikli relatati ma' avvenimenti mużikali, attivitajiet organizzati mis-Soċjetà, kif ukoll tagħrif storiku fis-sezzjoni “Kont Taf Li?”. Permezz ta' din is-sezzjoni, jiġu ppreżentati fatti u informazzjoni interessanti dwar is-Soċjetà Mużikali Peace, l-istorja tagħha u ta' beltna n-Naxxar, b'għan li jinżamm u jixxandar dan it-tagħrif lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Minbarra l-kontenut informattiv u l-arkivju fotografiku, il-pjattaforma toffri wkoll il-possibbiltà li wieħed jabbona għall-posta elettronika, sabiex jibqa' aġġornat dwar l-aħħar informazzjoni u jkun aktar qrib il-komunità Peace u l-attivitajiet tagħha.
Il-website sservi wkoll bħala punt ta' kuntatt għal dawk li jixtiequ jissieħbu mal-Banda Peace, jibdew jitgħallmu l-mużika u jingħataw strument sabiex ikomplu l-vjaġġ mużikali tagħhom. Dan is-servizz jiġi offrut bla ħlas, bil-għan li l-mużika tibqa' aċċessibbli għal dawk kollha li jixtiequ jitgħallmu u jagħmlu parti mill-ħajja mużikali tas-Soċjetà.
L-iżvilupp u l-modernizzazzjoni kontinwa ta' din il-pjattaforma huma parti mill-ħidma biex jinżamm pass mal-evoluzzjoni tat-teknoloġija diġitali u, fuq kollox, biex il-website tkompli toffri esperjenza aħjar, aktar aċċessibbli u utli lill-viżitaturi tagħha, filwaqt li tibqa' mezz ta' komunikazzjoni, informazzjoni u għarfien dwar is-Soċjetà u dak li tagħmel.
Grazzi lil dawk kollha li, matul is-snin mill-2009 sal-lum, ħadmu miegħi u taw il-kontribut tagħhom sabiex sal-lum għadna ngawdu l-frott ta' din il-ħidma, li dejjem saret b'mod volontarju u li wasslet għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' din il-pjattaforma.