Nhar il-Ġimgħa 24 ta' Diċembru propju f'Lejliet il-Milied, s-Soċjeta' Mużikali Peace għal ewwel darba fin-Naxxar organizzat Dimostrazzjoni bil-Bambin.
Ma kienitx faċli, imma b’sodisfazzjon kbir irnexxielna norganizzaw id-dimostrazzjoni bil-Bambin fin-Naxxar, f’għeluq il-100 sena mill-ewwel purċissjoni bil-Bambin minn San Ġorġ Preca.
Minn qalbna nixtiequ nirringrazzjaw lill-parteċipanti kollha li ħadu sehem u mxew mal-protokoll tul it-triq kollha. Bla dubju t-tfal kienu l-protagonisti, li bil-ferħ innoċenti tagħhom iċċelebraw il-veru sens tal-Milied.
Nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lill-President Edward Azzopardi, il-Viċi President Clifford Galea, l-Onor. Dr Maria Deguara M.D, Ivan Castillo u Graziella Galea tal-għajnuna tagħhom.
Grazzi lil Daniel Attard tal-poeżija u lil Anthony Deguara li mexxa d-dimostrazzjoni b’talb, ħsibijiet u storja dwar din l-istess tradizzjoni.
Fl-aħħar iżda żgur li ħaqqhom kull tifħir, grazzi lill-voluntiera kollha li flimkien minn idea fi ftit jiem saret realtà. Grazzi ukoll li flimkien bħala tim tmexxiet il-purċissjoni bl-aħjar mod possibbli u professjonali.
Finalment nirringrazzjaw lill-Pulizija tan-Naxxar, Kunsill Lokali u l-Awtoritajiet tas-Saħħa u tat-Turiżmu.
Flimkien ktibna l-istorja!
Filmat: Ftit mumenti sbieħ mid-Dimostrazzjoni tal-Bambin li saret f’lejliet il-Milied ġewwa n-Naxxar.