Niċċelebraw flimkien il-Ħames Sibt tal-Festa ta' Marija Bambina

Soċjeta Mużikali Peace A.D. 1862 - Naxxar

Illum 8 ta' Awwissu, ninsabu biss xahar il-bogħod mill-Festa għażiża tagħna ta' Ommna Marija Bambina u għalkemm din is-sena ma aħniex ser niċċelebraw il-Festa b'mod normali, l-Festa tal-patruna tibqa fissa għat-8 ta' Settembru. Għalhekk ħassejna li propju f'dan is-Sibt naqsmu magħkom l-istorja rikka u misterjuża tal-istatwa titulari ta' Marija Bambina. 

L-IStorja Rikka tal-istatwa Titulari ta' Marija Bambina tan-Naxxar

L-istatwa artistika ta’ Marija Bambina tan-Naxxar inġiebet lesta minn Ruma, belt il-Barokk, u waslet fin-Naxxar aktarx fl-1726. Dan ifisser li probabilment is-sena 2006, l-istatwa għamlet il-280 sena tagħha fostna n-Naxxarin. L-istil barokk tagħha huwa sabiħ u dinamiku ħafna, karaterizzat minn moviment tad-drapp li jelimina dak kollu li hu statiku. Id-dettal tal-wiċċ huwa wieħed ta’ ħlewwa impekkabbli. Sfortunatament l-awtur ta’ din l-istatwa ta’ l-injam għadu mhux magħruf.

Aktar tard, fl-1923, inħadmu l-bankun u l-bradella, opri mill-aqwa fi skultura u interzjar fl-injam, minn Vinċenzo Vassallo u Carmelo Grech mill-Birgu, fuq disinn ta’ Benjamin Caruana. Kienu swew £125, skultura u disinn £23, il-kaxxa fejn jintrefa’ £18, illum huma stmati eluf kbar ta’ liri. Sena wara, jiġifieri fl-1924, l-istatwa tal-Bambina ġiet indurata mid-Ditta Francesco Coleiro tal-Belt Valletta u saret raġġiera ġdida tal-fidda, maħduma minn Paolo Pace minn Bormla u rigal tal-Markiż John Scicluna. Hawn ħafna għejdut fuq din ir-raġġiera għall-fatt li din tinxtgħel bid-dawl elettriku. Illum faċli tikritika u tmaqdar meta l-elettriku huwa ħaġa komuni ħafna, iżda mhux l-istess jista’ jingħad fl-1924! Interessanti wkoll li l-kumnikazzjoni tad-dawl kien ħadima l-Markiż Scicluna nnifsu.

Tajjeb ngħidu li fl-antik ir-raħal tan-Naxxar kien meqjus bħala l-aktar raħal fqir fi gżiritna, fejn tlieta minn kull erbgħa ma kellhomx għaxja ta’ lejla. Dan insibuħ miċ- ċensimenti li kienu jsiru, mid-dokumentazzjonijiet li kienu jħallu l-kappillani, kif ukoll minn numru ta’ dijarji tal-ftit persuni li kienu ta’ skola. F’dawn iż-żminijet hekk koroh u iebsin, l-istatwa kienet tingħata l-verniċ flok indoratura.

Pero mal-wasla tal-familji sinjuri u negozzjanti fir-raħal, is-sitwazzjoni inqalbet u l-knisja u l-vara bdew jiżżejnu b’teżori kbar. Fl-1927, il-Markiż John Scicluna irregala l-famuż pavaljun tal-Bambina, b’kuruna tal-fidda u drapp tal-bellus. Ta’ nteress partikolari, l-inforra unika tal-pavaljun, li nħadmet apposta bis-simboli tal-Madonna u tal-Bambina. Dan il-pavaljun, meqjus bħala waħda mill-akbar opri u lussużi li għandna u l-isbaħ wieħed fi gżiritna, din is-sena jgħalaq 80 sena. Fl-istess żminijiet, fl-1929, saru l-erba’ gastri tal-fidda għal-ma’ l-istatwa. Dawn huma xogħol id-ditta ‘Ghezzi’ ta’ Milan u swew £127.09, filwaqt li tħallsu £25.37 dazju. Il-fjuri huma xogħol mill-aktar fin tas-Sorijiet Ursolini u swew £17 u £1 biex ġew immuntati minn Ġużeppi Grima ta’ Marikarm. Il-fondi għall-dawn l-ispejjeż kienu nġabbru mis-Sur Pawlu Catania. Il-Pedestall tal-Bambina, maħdum ukoll kollu fidda, inħadem fl-1960 fuq dissin ta’ Emmanuele Buhagiar u ġie mgħoti bħala rigal minn Vincenza Bonavia. Ħareġ l-ewwel darba fil-festa ta’ l-1961.

Fl-1974, bdiet tinħadem in-niċċa tal-Bambina fuq disinn tal-magħruf artist Emvin Cremona, xogħol tal-‘Bajada Woodworks’ u l-iskultura saret mid-ditta ‘Orisei’ ta’ l-Italja. Dan ix-xogħol kellu bilfors jinħadem barra minħabba l-volum kbir ta’ injam li kellu jinħadem. Xogħol ieħor ta’ skultura, puttini, stilel, mozzettuni, ornamenti, Spirtu Santu u raġġiera huma xogħol in-Naxxari Charles Attard. Qabel il-Bambina kienet titqiegħed fejn illum insibu l-istatwa tad-Dutrina taħt il-gallarija ta’ l-orgni. In-niċċa l-ġdida tpoġġiet flok l-artal ta’ San Gejtanu fl-1976. Sena wara, fl-1976, is-Sur Emmanuel Galea ħallas l-indoratura ġdida tal-Bambina.

L-Antifona ta' Marija Bambina miktuba minn Mro. Paulo Nani

L-aħħar aġġornament sar nhar: Is-Sibt, 8 ta’ Awwissu 2020