Is-Soċjetà Mużikali Peace se tippreżenta ‘A Night at the Movies – Christmas Spectacular’, li se jsir fit-Teatru tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, f’Birkirkara, nhar is-Sibt, 5 ta’ Diċembru 2026.

Wara s-suċċess kbir tal-edizzjonijiet preċedenti, il-Banda Peace tan-Naxxar se terġa’ tippreżenta dan l-ispettaklu għall-ħames darba, b’serata mill-aqwa għal dawk kollha li jħobbu l-mużika u d-dinja affaxxinanti taċ-ċinema. Il-programm se jkun jinkludi siltiet mill-aqwa films li għandhom rabta mal-perjodu tal-Milied.

Il-Banda Peace se teħodna f’dinja fejn kull nota tirrakkonta storja u kull silta tqajjem emozzjonijiet marbuta ma’ films li baqgħu magħna matul is-snin. Din is-sena, mal-Banda Peace se jingħaqdu l-kantanta Sarah Micallef Muscat, kif ukoll iż-żeffiena tal-A-Line Dance Academy, taħt it-tmexxija ta’ Alana Bondin.

Fost il-mużika li se tindaqq se jkun hemm siltiet minn films kbar bħal ‘Home Alone’, ‘The Night Before Christmas’, ‘The Polar Express’ u ‘Sherlock Holmes’, b’mużika tal-kompożitur rinomat Hans Zimmer. Il-programm se jinkludi wkoll kanzunetti bħal ‘Both Sides Now’ mill-film ‘Love Actually’, ‘Christmas Vacation’ mill-film ‘National Lampoon’s Christmas Vacation’ u ‘Have Yourself a Merry Little Christmas’ mill-film ‘Meet Me in St. Louis’, fost oħrajn.

Din hija biss ħarsa żgħira lejn dak li wieħed jista’ jistenna minn din is-serata, li twiegħed emozzjoni, passjoni u talent lokali.

Taħt id-direzzjoni tas-Surmast Lino Pirotta, id-direttur mużikali tal-Banda Peace, il-banda se twassal esperjenza mużikali li tgħaqqad ġenerazzjonijiet permezz ta’ siltiet li ħallew marka indimentikabbli fid-dinja tal-mużika tal-films.

Żommu din id-data fid-djarju tagħkom u ibqgħu segwu l-paġni uffiċjali tas-Soċjetà Mużikali Peace għal aktar aġġornamenti.

Book your Tickets Now