Din is-sena qed infakkru l-35 sena anniversarju minn mindu s-Surmast Lino Pirotta ilu jmexxi d-direzzjoni tal-Banda Peace, sa mill-1991.
Imwieled in-Naxxar, Lino Pirotta beda l-istudji mużikali tiegħu fi ħdan il-Peace Band Club, fejn beda jdoqq u kompla jitħarreġ taħt il-gwida ta’ mużiċisti lokali rinomati. Huwa kiseb diversi unuri u diplomi mużikali, fosthom liċenzja fit-tagħlim tal-klarinett u fit-teorija mużikali, u huwa gradwat mil-London College of Music. Matul is-snin, ħa sehem f’diversi lezzjonijiet maġistrali fl-Ingilterra.
Fl-1991, is-Surmast Pirotta ġie fdat mill-Kumitat bid-direzzjoni tal-Banda Peace, u minn dakinhar idderieġa f’bosta okkażjonijiet organizzati mill-Parroċċa u mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar, fosthom il-Festa Titulari, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-Għid u l-Milied, kif ukoll f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Ta’ min isemmi li wieħed mill-aktar marċi funebri popolari u magħrufa, Alla Memoria di Antonio Mifsud, huwa kapulavur tiegħu.
F’Novembru tal-1993, idderieġa l-Banda ġewwa Port Said, l-Eġittu, fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mill-inawgurazzjoni tal-Kanal ta’ Swejż. Xahar wara, f’Diċembru, il-Banda Peace kklassifikat fit-tielet post fin-National Band Contest, u kienet l-unika banda li kienet komposta prinċipalment minn mużiċisti tal-lokal stess. Fl-1995, il-Banda ġiet mistiedna tesegwixxi f’Toronto, il-Kanada, u fl-1997 ġewwa Città del Mare, Sqallija.
Fl-2012, is-Surmast Pirotta kkonduċa l-kantata L-Għanja tal-Paċi fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda Peace. Aktar tard, fl-2016, il-25 sena tiegħu fid-direzzjoni tal-Banda ġew onorati bil-preżentazzjoni tal-kapulavur Via Crucis fil-Kolleġġjata tan-Naxxar.
Bħala rikonoxximent tas-servizz u l-impenn kontinwu tiegħu, fl-2017 is-Surmast Pirotta ngħata l-unur Ħidma b’Riżq in-Naxxar, filwaqt li fl-2022 irċieva Ġieħ in-Naxxar, l-ogħla unur mogħti mill-Kunsill Lokali.
Din is-sena mistennija tkun waħda ferm impenjattiva għall-Banda Peace, fejn taħt id-direzzjoni rinomata tas-Surmast Pirotta, l-anniversarji li se jitfakkru, b’mod partikolari t-tielet ċentinarju mill-wasla tal-Istatwa Titulari fostna, mistennija jkunu memorabbli kif jixraq.
Ad Multos Annos – grazzi tal-ħidma tiegħek, Surmast.
Għal ħafna aktar mużika.
Ritratti: Sebio Aquilina – Audio Visuals