Attivitajiet li jmiss

Notte Italiana - 17 ta' Ottubru

Il-Palazzo Vittoria – Naxxar se jkun qed jospita Notte Italiana, serata speċjali li tgħaqqad ikla mill-aqwa mal-atmosfera unika tal-mużika Taljana ta’ kull żmien. L-attività se ssir nhar is-Sibt, 17 ta’ Ottubru 2026, fis-8:00pm, fis-Sala Marija Bambina, u toffri lill-pubbliku l-opportunità li jgawdi serata b’togħma Taljana u b’mużika li kompliet tħalli l-marka tagħha matul is-snin.

Halloween Party – Trick or Treat - 30 ta' Ottubru

Il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru 2026, Palazzo Vittoria f’Naxxar se jkun qed jilqa’ attività speċjali ta’ Halloween, b’serata ta’ divertiment għat-tfal u l-familji. L-attività tibda fis-6:00pm bi “Trick or Treating”, fejn it-tfal ikunu jistgħu jipparteċipaw f’din it-tradizzjoni popolari ta’ Halloween, segwita minn Halloween Party fil-Marija Bambina Hall.

A Night at the Movies – Christmas Spectacular - 5 ta' Diċembru

Il-Soċjetà Mużikali Peace se tippreżenta “A Night at the Movies”, spettaklu mużikali speċjali għall-istaġun tal-Milied. Din is-serata se ssir nhar is-Sibt, 5 ta’ Diċembru 2026, fit-Teatru tal-Kulleġġ San Aloysius, Birkirkara, u se twassal lill-udjenza fuq vjaġġ mużikali mill-isbaħ permezz tad-dinja taċ-ċinema, f’atmosfera festiva u mimlija maġija tal-Milied.

...aktar Attivitajiet
Eco Hive
OTTO Clubhouse - Sponsorship

Kont taf li ...

123 Sena mit-Twelid tal-Markiz John Scicluna

123 sena ilu, fis-16 ta’ Settembru tal-1903, twieled il-Markiż John Scicluna (1903–1970). Magħruf ukoll bħala “iċ-Ċisk”, il-Markiz Scicluna kien bankier, intraprenditur u benefattur Malti prominenti, li ħalla legat sinifikanti fin-Naxxar. Huwa jibqa’ magħruf għall-qalb tajba tiegħu u għall-imħabba kbira li kellu lejn raħalna.

L-Istorja ta’ 300 Sena tal-Istatwa ta’ Marija Bambina tan-Naxxar

In-Naxxar huwa magħruf bħala l-ewwel raħal li emmen, u proprju minn hawn tibda waħda mill-isbaħ stejjer ta’ devozzjoni lejn il-Verġni Marija taħt it-titlu tat-Twelid tagħha, Marija Bambina. Għal sekli sħaħ, il-Parroċċa tan-Naxxar kienet l-unika parroċċa f’Malta ddedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija. Sal-lum, Marija Bambina tibqa’ fil-qalba tal-ħajja spiritwali, reliġjuża u kulturali tal-poplu Naxxari, li minn ġenerazzjoni għal oħra kompla jkabbar id-devozzjoni u l-imħabba tiegħu lejn il-Patruna.

Kont taf li fil-15 ta' Lulju 1951, is-Soċjetà ġiet ikkonsagrata lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù u Marija

Kont taf li fil-15 ta' Lulju 1951, is-Soċjetà Mużikali Peace Naxxar ġiet uffiċjalment ikkonsagrata lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù u Marija f'waħda mill-aktar ċelebrazzjonijiet reliġjużi sinifikanti fl-istorja tas-Soċjetà?

Din il-ġrajja storika kienet frott ta' deċiżjoni meħuda waqt seduta ġenerali li saret nhar il-Ħamis, 3 ta' Mejju 1951, meta l-President il-ġdid ta' dak iż-żmien, in-Nutar Joseph Spiteri, ħabbar il-ħsieb tal-kumitat li jorganizza ċelebrazzjoni reliġjuża solenni li matulha l-każin jiġi kkonsagrat lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù u Marija.

Din is-sena niċċelebraw 100 sena ta' Snooker fin-Naxxar

Is-Soċjetà tagħna qed tiċċelebra pass storiku u importanti ħafna fl-istorja sportiva u kulturali tagħha. Kien proprju f'Ġunju tal-1926 meta ddaħħlet l-ewwel mejda tal-billiard ġewwa s-Soċjetà - bidu umli ta' sport li matul is-snin kompla jimraħ, jikber u jrabbi l-għeruq fil-komunità tagħna. Matul dan iċ-ċentinarju, il-logħba evolviet b'mod b'saħħtu, u llum il-ġurnata nistgħu niftaħru b'sala dedikata apposta tal-ogħla livell u b'attività kontinwa li żżomm dan l-isport ħaj u vibranti fost il-membri kollha tagħna.

Kont taf x'inhu l-legat tas-Surmast Ferdinando Camilleri mas-Soċjeta' tagħna?

Bħal-lum 167 sena ilu, fit-30 ta’ April 1859, twieled f’Ħal Luqa Ferdinando Camilleri, eks-Surmast Direttur tal-Banda Peace (dak iż-żmien magħrufa bħala Filarmonica La Pace). Is-sena 1917 kienet sena sinifikanti għas-Soċjetà Mużikali Peace, Naxxar. Matul ir-raba’ sena tal-Ewwel Gwerra Dinjija, is-Soċjetà mmodernizzat l-operat tagħha billi rrilokat għas-sede l-ġdida f’Palazzo Vittoria, fil-qalba tal-Pjazza tan-Naxxar. Din il-bidla fit-tmexxija u l-lokalità tat spinta ġdida lill-Banda tar-Raħal. F’Novembru tal-istess sena, wara d-direzzjoni tas-Surmast Vittorio Scerri, it-tmexxija mużikali għaddiet f’idejn is-Surmast Ferdinando Camilleri, b’salarju stabbilit ta’ 14-il xellin fix-xahar.

...Aqra' aktar artikli

Aħbarijiet Riċenti

Tagħlim tal-Mużika mall-Banda Peace

Għafas fuq il-buttuna t'hawn taħt sabiex tirreġistra għal tagħlim tal-mużika professjonali minngħajr ħlas.

Wara li tirreġistra, s-Soċjetà Mużikali Peace ser tikkuntatjak fuq id-dettalji li tkun għadek kemm irreġistrajt bihom.

Ħajr lil

Segwijna fuq Facebook

Segwijna fuq Spotify