F'isem is-Soċjeta' Mużikali Peace, nixtieq nawgura' l-Festa t-Tajba lis-segwaċi kollha ta' dan is-sit uffiċjali tas-Soċjeta'. Għal din l-okkażjoni, qiegħed naqsam magħkom poeżija li tirrifletti ż-żminijiet li għaddejien minnhom bħalissa.
Ritratt: Id-dħul tal-istatwa b'akkumpanjament tal-Banda Peace u bin-nar mill-isbaħ tal-Għaqda tan-Nar Marija Bambina Naxxar.
Poeżija: Festa 2020
Konna ilna nippreparaw
Biex f’Settembru niċċelebraw
It-twelid t’Ommna Marija
Fil-Kolleġġjata Naxxarija
Attivitajiet kellna fid-djarju
Fosthom ħamsa u għoxrin sena anniversarju
Minn meta nħolqot unjoni
B’żgħażagħ ħabrieka f’kummissjoni
Iżda faqqet pandemija
Li għalkemm bla sparar u dmija
Xorta ħolqot ħafna mwiet
Fost biża' kbir u bosta nkwiet
Issakkarna kollha ġewwa
Hekk qalulna li hu sewwa
Ġranet twal ta’ dlamijiet
Iġri jgħaddu daż-żminijiet
Bqajna naħdmu bla waqfien
B’mod virtwali minn kullimkien
Sabiex inżommu s-Soċjeta' ħajja
Minkejja bosta nżul u tlajja'
Tlabna lilek O Madonna
Sabiex b’saħħitna int iżżommna
O Bambina ibqa' qribna
Lilna dejjem hemm se ssibna
Idħol għalina nitolbuk
Sabiex nerġaw ingawduk
U fi triq nerġaw narawk
Biex bil-banda nakkumpanjawk
Bħal ma l-Assedju int rebbaħtna fl-elf ħames mija ħamsa u sittin
Għinna nirbħu l-pandemija tal-elfejn u għoxrin
Taħt mantalek ibqa' żommna sabiex nibqgħu magħqudin
Tama kbira aħna għandna li noħorġu rebbiħien
L-aħħar aġġornament sar nhar: It-Tlieta, 8 ta’ Settembru 2020