Dun Anton Sciberras: Il-Poeta li Għanna l-Imħabba lejn in-Naxxar u l-Missjoni
Bħal-lum 104 snin ilu, fit-13 t'April 1922, twieldet persuna li kellha tħalli marka li ma titħassar qatt fil-qalb tal-komunità Naxxarija: Dun Anton Sciberras. Illum infakkru mhux biss l-anniversarju minn twelidu, iżda l-legat għani ta’ qassis, poeta, u patrijott li ddedika ħajtu għall-proxxmu u għal raħal twelidu.
Għeruq b'Fidi Sod u Imħabba lejn l-Ilsien Malti
Dun Anton twieled in-Naxxar iben Anġlu Sciberras u Karmena mwielda Grech. Huwa trabba f’familja fejn il-valuri nsara kienu l-pedament, tant li ħuh Ġelardu kien membru ddedikat fil-MUSEUM u oħtu Maria serviet bħala soru Dumnikana. Sa minn meta kien għadu seminarista, Dun Anton wera mħabba straordinarja lejn l-ilsien nazzjonali. Fl-1943, huwa waqqaf ix-"Xirka tal-Malti" biex iħeġġeġ lit-tfal Naxxarin japprezzaw u jużaw il-lingwa tagħhom b'mod tajjeb. Wara li kien ordnat qassis fit-3 t'Awwissu, 1947, huwa qaddis l-ewwel quddiesa solenni tiegħu propju fil-festa tal-Bambina, jum li għalih kien ifisser kollox.
Il-Qassis tal-Missjoni u l-Ħabib tal-Morda
Minkejja l-impenji parrokkjali tiegħu f’San Ġiljan u n-Naxxar, Dun Anton baqa' l-aktar magħruf bħala d-Direttur tal-Uffiċċju Missjunarju fil-Belt Valletta u editur tar-rivista Malta Missjunarja. Il-ħidma tiegħu biex jiġbor għajnuna għall-missjunarji Maltin madwar id-dinja kienet bla waqfien. Fost il-fatti interessanti li jikkaratterizzaw il-karattru umli tiegħu:
- Il-Pellegrinaġġ tal-Mellieħa: Kien hu li fl-1962 beda t-tradizzjoni tal-pellegrinaġġ annwali bil-mixi lejn is-Santwarju tal-Mellieħa.
- Id-Dedikazzjoni lejn il-Morda: Kien magħruf li jżur l-isptarijiet kuljum biex ifittex il-pazjenti Naxxarin u Ġiljaniżi, b'kelma ta’ faraġ u tbissima li qatt ma kienet tonqos.
Il-Leħen wara l-Innu "Il-Paċi"
Għas-soċji u l-partitarji tas-Soċjetà Mużikali Peace, l-isem ta’ Dun Anton huwa marbut b’mod indissolubbli mal-identità tas-soċjetà. Fl-1990, huwa niseġ il-versi tal-Innu tal-Banda "Il-Paċi", fuq il-mużika tal-Mro.Salvatore Schembri (komposta fl-1953). Dan l-innu mhuwiex sempliċement għanja, iżda huwa talba ta’ unità li n-Naxxarin għadhom ikantaw b’entużjażmu kbir f’kull festa tal-Vitorja.
L-Innu tal-Banda Peace: "Il-Paċi"
Din hija l-banda tagħna
Li lkoll biha mkabbrin
Għax nafu li hi l-għaxqa
Ta’ kemm hawn Naxxarin.
Tajnieha l-isem “Paċi”
Għax dan jagħmlilna unur;
Kulħadd jieħu gost biha
Kull fejn dil-banda tmur.
Fil-Festa tal-Bambina
Indoqqu marċijiet
Li jferrħu lill-qlub kollha
Mal-kant tal-innijiet.
Ejjew fil-festa tagħna
Nifirħu lkoll flimkien;
Aħna nixtiequ l-paċi
Li ssaltan kullimkien.
Għalkemm Dun Anton ħalla din id-dinja fit-8 ta' Lulju, 2006, fl-età ta' 84 sena, l-ispirtu tiegħu għadu jidwi f'kull marċ u kull poeżija li kiteb. Is-Soċjetà Mużikali Peace u n-Naxxar kollu jibqgħu jgħożżu l-memorja ta' dan il-bniedem li għex b’tant umiltà u mħabba lejn Alla u l-poplu tiegħu.
Grazzi, Dun Anton, talli biddilt il-kelma Maltija f'kant ta' ferħ u għaqda għalina lkoll! 🕊️✍️✨
L-Innu tas-Soċjeta' "Il-Paċi"
Referenza: Ħajr lill-Isaac Cachia Bonavia tat-tagħrif u l-Universita' ta' Malta