Nhar il-Gimgha 7 ta' Lulju fit-8:30pm instemaw l-ewwel noti tal-Festa ta' Marija Bambina. Illum 8 ta' Lulju, ninsabu propju fl-Ewwel Sibt tal-Festa, fejn għalkemm ħafna mill-preparamenti tal-Festa jkunu ilhom diġa jiġu ddiskussi u x-xogħol fuq il-Festa jkun ilu li beda ġmielu, minn issa sal-Festa bosta xogħol ta' armar u preparamenti jibdew isiru kemm fil-każin kif ukoll fit-toroq Naxxarin.
Nħeġġukom sabiex ittellgħu l-bnadar bluni fuq l-arbli tagħkom, u llejla tixgħelu l-globi u t-tubi bluni sabiex nagħtu bidu għal Festa 2017!
Infakkrukom li għada l-Ħadd 9 ta' Lulju fl-10:00am ser tiġi mneddija c-CD l-ġdida ta' Marċi Brijjużi kif ukoll ser jiġu preżentati preżentazzjonijiet lit-tim ta' Naxxar Lions li din is-sena reġa ġie promoss għal l-għola kampjonat lokali, u lil Gianluca Chetcuti u Elaine Genovese li huma Naxxarin u rebħu l-medalji fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fl-isparar u fit-tennis.
Filmat: Id-diska "Soċjeta' Peace" li ġiet ippublikata s-sena l-oħra mill-Kummissjoni Żgħażagħ
Ikanta: Glen Vella | Kliem u Mużika: Jonathan Bondin | Ippublikata: Kummissjoni Żgħażagħ Peace/Soċjetà Mużikali Peace ©2016
Il-Lirika tad-Diska - Soċjetà Peace
Kliem u Mużika: Jonathan Bondin
Produzzjoni: Mro. Joe Brown
Ikanta: Glen Vella
Waslu il-ġranet Dehbiena
Magħhom l-iljieli Leqqiena
Waslu il-jiem tal-Bambina
Dan l-isbaħ żmien, hu għalina
Dis-Soċjeta miexja b’rieda
Anke jekk tant ilha mwielda
Baqgħet żgħażugħa fi ħsiebha
Żammet ‘l uliedha fi qribha
Imġedda bl-akbar enerġija
Din l-Ewwel Banda Naxxarija
(REF)
Soċjetà Peace, Naxxar
F’dil-festa mil-kbar
F’Settembru, tas-sena ix-xahar
Aħna n-Naxxarin
Bi ħġarna hawn qegħdin
Biex nibqgħu f’din l-għaqda mexjin
Joqrob il-jum tal-Vittorja
Dawn huma ġranet ta’ Glorja
Nwasslu il-ħidma ta’ sena
B’kuluri fl-art u fis-sema
Briju maħluq minn idejna
Ferħ jista’ jidher f’għajnejna
Għax fuq l-isfidi mirbuħa
Familja kbira w magħquda
Postna prestiġjuż b’dar mogħnija
Palazz f’nofs il-pjazza Naxxarija
(REF)
Soċjetà Peace, Naxxar
F’dil-festa mil-kbar
F’Settembru, tas-sena ix-xahar
Aħna n-Naxxarin
Bi ħġarna hawn qegħdin
Biex nibqgħu f’din l-għaqda mexjin
L-aħħar aġġornament sar nhar: Is-Sibt, 8 ta’ Lulju 2017