Nifirħu lis-Segretarju Ġenerali li għalaq ħames snin jokkupa din il-kariga

Soċjeta Mużikali Peace A.D. 1862 - Naxxar

Bħal llum 24 ta' Marzu ta' propju ħames snin ilu, s-sur Matthew Pullicino ġie vvutat u appuntat mill-membri bħala Segretarju Ġenerali tas-Soċjeta' Mużikali Peace fl-eta' ta' 24 sena. Minnkejja li ta' eta' żgħira, ħadd ma kellu dubju li Matthew kien ser jaħdem b'determinazzjoni kbira u li kellu potenzjal sabiex iwassal is-Soċjeta' tagħna aktar il-quddiem. Dan huwa eżempju ċar lis-Soċjeta' Mużikali Peace minn dejjem kienet, għadha u ser tibqa' tappoġja lill-membri żgħażagħ u tafdahom bi proġetti u rwoli importanti sabiex ilkol flimkien nibqaw naħdmu biex nkomplu ngħollu l-isem tas-Soċjeta' u ta' Beltna n-Naxxar aktar il-fuq.

Ta' min isemmi, li Matthew beda jiffrekwenta din is-Soċjeta' minn eta' żgħira. L-ewwel rwol ta' Matthew fil-każin tagħna kien ta' bandist. Huwa beda jitgħallem il-mużika taħt is-surmast tal-qasba Mro. Lino Pirotta fejn għamel żmien twil jipprattika u jdoqq il-klarinett. Aktar tard, huwa tgħallem il-brass  fejn kien idoqq it-trumbun u għadu sal-llum il-ġurnata jdoqq l-Althorn. Ħafna jiftakru l-Matthew bħala "Dj Matt P" fejn kien jieħu sehem fl-attivitajiet taż-żgħażagħ fosthom discos u parties ġewwa l-każin. Fil-preżent Matthew jokkupa żewġ karigi f'din is-Soċjeta', dik ta' bandist u kif ukoll ta' Segretarju Ġenerali.

Żgur li f'dawn il-ħames snin li għaddew, l-aktar proġett li kien ta' sodisfazzjon għal dan iż-żgħażugħ kien il-proġett ta' OTTO CLUBHOUSE, fejn flimkien mal-Kumitat Ċentrali u mal-operaturi tal-bottegin, mexxa proġett kbir li biddel il-bottegin tal-każin għal bar, restaurant u kafetterija . Matthew kien ukoll Segretarju meta ġiet inawgurata l-faċċata prinċipali wara r-restawr li sarilha.

Il-Kumitat Ċentrali, l-Kummissjonijiet, il-bandisti, s-soċji u l-membri tas-Soċjeta' jirringrazzjaw lil Matthew tax-xogħol kbir li wettaq matul dawn il-ħames is-snin li għaddew u għax-xogħol li għadu qiegħed iwettaq fi ħdan is-Soċjeta'. Nawguraw lil Matthew kull suċċess għal futur kemm fuq bażi personali kif ukoll fil-ħidma tiegħu għas-Soċjeta' għażiża tagħna. Ad multos annos!

L-aħħar aġġornament sar nhar: Is-Sibt, 24 ta' Marzu 2018