It-Tieni Sibt tal-Festa ta' Ommna Marija Bambina

Soċjeta Mużikali Peace A.D. 1862 - Naxxar

Illum is-Sibt 13 ta' Lulju qiegħdin niċċelebraw it-Tieni Sibt tal-Festa għażiża tagħna ta' Ommna Marija Bambina. Għal dan is-Sibt ħassejt il-ħtieġa li naqsam magħkom ftit informazzjoni fuq il-Planċier tal-Banda Peace li din is-sena qiegħed jiċċelebra l-65 sena.

Kien il-bidu tal-ħamsijiet tas-seklu li għadda. Il-Kumitat tas-Soċjeta' Mużikali Peace, ħass li l-planċier il-qadim (li kien inħadem fl-1895) sar żgħir għax il-banda kienet kibret. Għaldaqstant kien inħaseb li jsir planċier ġdid, ikbar, u f'għamla differenti minn dik kwadra, bħalma kien l-antik.

L-isfidi li jingħelbu bix-xogħol

Għal dan il-għan ġew imtellgħin attivitajiet għall-ġbir tal-flus u ġew ikkuntattjati l-imgħallmin biex jitfassal ix-xogħol. Fosthom Vincenzo Agius (Ta' Luċens) li kellu fama ta' ħaddied mill-aqwa u bandist mal-istess Banda Peace, u Manwel Pirotta, li snin qabel kien għadu kif ħadem il-gallerija tal-orgni ġewwa l-Knisja Arċipretali tagħna. Pirotta beda bil-buzzet (il-mudell) tal-planċier f'għamla ta' nofs tond. Dan il-mudell, maħdum fl-injam u ħadid, tpoġġa għal wiri nhar il-Ħadd il-Palm tal-1953. Wara li bla ma ħadd jaf kif, dan il-buzzett sab ruħu fil-Mużew tal-Folklor ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, ħa jerġa jitgawda mill-ġdid fis-Sala tal-Mużew fil-Każin flimkien ma partijiet oriġinali tal-planċier l-antik.

Xogħol Luċens, li hu kollu moħbi, huwa l-bażi fil-forma ta' mrewħa tal-ħadid, limadwarha jitla' u jitwaħħal l-injam. Flimkien miegħu kien hemm jaħdmu t-tfal tiegħu, kif ukoll ċertu Mabbli Debono. Ma' Pirotta kien hemm mastrudaxxi oħra jaħdmu, fosthom Salvu Cachia (il-Ħammarun) flimkien ma' ibnu Fredu u Ġużeppi Catania. Saħansitra fil-Ħdud, kont tara lil Salvu jaħdem fuqu. Kienu jmorru jagħtu daqqa t'id ukoll, Karmenu Tanti, mastrudaxxa mit-tajbin nett, Ġanni Borġ u Manwel Magro. Waqt li kienet għaddejja l-ħidma, bejn Luċens u Pirotta inqalgħu xi kwestjonijiet. Ma kienetx qagħda sabiħa biex ix-xogħol jittkompla bl-armonija li beda. Biex l-affarijiet jiċċaraw u kollox jerġa' jaqbad il-korsa tiegħu mill-ġdid, kien hemm xi 'medjaturi' ħbieb tagħhom it-tnejn, li għamlu kull ma setgħu biex id-differenza ta' bejniethom, iwittuhom. Imma r-rieda tajba tfejjaq kollox u l-ftit nuqqas ta' qbil li jaf jinqala', jaf jitwitta wkoll.

Jekk f'pajjiżna, hawn raħal magħruf, għall-ammont kbir ta' ħaddieda u mastrudaxxi fi ħdanu, dan mingħajr l-ebda dubju huwa n-Naxxar. Ma setax jonqos li minbarra Luċens u Pirotta, jidħlu aktar ħaddieda primi. Ix-xogħol tal-gallarija inħadem mill-aħwa Fortunato, Ġużeppi u Ġeraldu Mercieca, kif ukoll mill-aħwa Mabli u Mikiel Galea. Sabiex dawn il-ħaddiema kollha li semmejna, tħallsu, l-ispiża kienet laħqet is-somma ta' Lm1, 400.

Meta tlesta x-xogħol, l-imgħallem Victor Gauci beda x-xogħol taż-żebgħa b'mod professjonali tabilħaqq. Iżda s-Sur Gauci kellu mħejjija ħidma oħra li xtaq jagħtiha b'sorpriża lill-Kumitat. Din is-sorpriża kienet leħijju tassew artistiku, li sa llum għadu jitgawda minn diversi surmastrijiet li jmexxu l-banda fil-jiem tal-Festa. Kien is-Surmast Salvatore Schembri l-aħħar li dderieġa fuq il-planċier l-antik tal-arkati, u l-ewwel wieħed li dderieġa l-banda fuq il-planċier il-ġdid. Rigal ieħor kien is-sitt brazzi artistiċi tal-ħadid xogħol Ġużeppi Mercieca. Dawn ix-xogħolijiet ġew mogħtija lill-Banda Peace fl-okkażjoni tal-innawgurazzjoni tal-planċier. 

Il-planċier il-ġdid intrama għall-ewwel darba fil-ġnien tal-Palazz Parisio, filwaqt li saret fiera kbira. Dan kien il-Ħadd, 29 ta' Awwissu, 1954. Issa n-Naxxarin setgħu igawdu dan ix-xogħol maestuż u mprezzabbli fil-maestrija kollha tiegħu. Setgħu jammiraw il-ħila tal-patrijotti sħabhom u japprezzaw id is-sengħa nobbli tar-raħal tagħhom.

Jiżżanżan għall-Festa Għażiża tal-Bambina

Nhar il-Ħadd, 5 ta' Settembru 1954, il-planċier intrama' għall-ewwel darba għall-Festa ta' Marija Bambina. Il-planċier kien iħares lejn Triq Santa Luċija, arma f'nofs il-pjazza, bin-nies iħarsu lejh u lejn il-Knisja, fuq wara tiegħu. Il-Prim Ministru n-Nutar Ġorġ Borg Olivier, għalkemm mistieden ma setax jattendi għal din l-okkażjoni mill-aktar memorabbli. Bagħat minfloku jirrappreżentah lill-Ministru tal-Edukazzjoni Dott. Jackie Frendo Azzopardi li għamel l-indirizz tiegħu u nawgura l-planċier. It-tberik sar mill-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof ta' Malta, Mikiel Gonzi. Il-Parrini kienu l-Kaptan Robert Mizzi u l-Avukat J. Attard Montaldo. Fost il-mistednin kien hemm l-għaqdiet kollha tar-raħal u s-Soċjetajiet tal-banda kollha, b'mod speċjali dawk li f'pajjiżhom kienet iddoqq il-Banda tagħna. Kienu mistiedna, kif xieraq dawk l-imgħallmin kollha li semmejna, u li ħadmu fih. Il-Banda kienet armata sewwa u kellu jsir marċ minn tarf Triq Santa Luċija u wara teżegwixxi programm ta' mużika klassika. 

Kien hawn entużjażmu liema bħalu. Arja ta' eċitament għal xi ħaġa ġdida u mistennija. Ma jistax ikun mod ieħor, wara dawk ix-xhur kollha ta' xogħol u taħbit sakemm il-ħolma u x-xewqa ta' tant u tant Naxxarin, ġiet realizzata. Bil-kollaborazjoni tal-ħaddiema imgħallmin ta' sengħethom sa' fl-aħħar ir-riżultat kien konkluż b'suċċess.

Irrid ukoll inniżżel hawnhekk li fis-sena 1995, saret skultura ġdida fih, fuq id-disinn ta' Salvu Bugeja u ħadmu dawn is-sinjuri: Ċensu Fenech, Joe Agius, Kola l-Ħinxes, il-Plattu u t-Tutan. Dan qed jingħad, biex ma tingħatax l-impressjoni li mill-1954, il-planċier baqa' mhux mittiefes. Daj ku jekky bżonn isir fuqu, dejjem sar.

Ġenerazzjonijiet

Min jaf kemm inbidlu bandisti minn ħamsa u sittin sena ilu l-hawn? Hawn il-ftit li baqgħu. Imma hemm min miet, min telaq il-banda, min ma baqax jinteressa ruħu fil-mużika. Kemm ra surmastrijiet f'etajiet differenti? Li hu żgur hu, li fuqu nstemgħet kull biċċa mużika tajba u ovvjament addattata għall-Festa Għażiża Tagħna. Dan il-planċier bi storja hekk sabiħa u ta' suċċess jibqa' għożża oħra f'qalbna, u tifkira tas-sentiment nobbli tal-voluntiera ta' qabilna. Ma dan kollu huwa għelm il-ħila fis-sengħa tan-Naxxarin tagħna.

Iż-żgħażagħ tal-lum, li jħobbu l-Festa daqs ta' qabilhom, u li bħal missirijiethom jiġu l-Każin u jappoġġjaw lis-Soċjeta' Mużikali Peace, mhux kollha jafu l-istorja ta' dan il-planċier sabiħ. Ġenerazzjoni wara l-oħra taf titlef it-togħma tal-istorja sabiħa tat-tifkiriet tagħna, u dan hu ta' periklu mhux żgħir għall-identita' nazzjonali tagħna. Il-wirt tagħna għalhekk għandna nibżgħu għalih. Il-planċier huwa patrimonju mużikali. Għaliex le? M'għandiex nistħu nsemmu kburin dak li kellu sehem f'tiswir ġrajjietna. Meta tiġi n-Naxxar fil-jiem tal-Festa, tarahx biss minn għajn passiva, imma ara marbuta miegħu, l-istorja tiegħu u tibda tasal sabiex tarah aħjar, biex tikkritikah aħjar, biex tosservah aħjar, għax bl-istorja huwa ġrajja kompluta ta' opra kbira.

Il-bażi ta' kull Festa, l-għerq ta' kull ritwal Nisrani kien, għadu u jibqa', t-Twemmin sħiħ f'Alla u l-imitazzjoni tal-qaddisin fil-ħajja tagħna. Imma mhuwiex dnub li tfakkar u tiftakar b'ċelebrazzjoni ta' kulur. Il-Festa m'hijiex il-planċier, imma l-planċier jaf ikun FESTA MUŻIKALI mill-aqwa. Il-Planċier li jagħti l-gost, li jqanqal u jferraħ.

Planċier ta' Ħamsa u Sittin Sena

Din il-kitba f'għeluq is-sittin sena tal-planċier il-ġdid tas-Soċjeta' Mużikali Peace qed issir b'omaġġ lil min ħadem fih u ma għadux magħna, b'tiżżija ħajr lil min ħadem fih u għadu magħna, u bit-tama li tqanqal imħabba lejn l-istorja ta' ħwejjiġna fil-ġenerazzjoni tal-lum. Dawk il-ħamsa u sittin sena li għaddew, jafu mhux biss binja ta' planċier, imma twelid ta' ġenerazzjonijiet sħaħ li lin-Naxxar jafuh modern. J'Alla din l-istorja tqanqal imħabba u nteress dejjem akbar f'kull min hu Naxxari, għal kull ma hu Naxxari.

Din l-istorja nkitbet mill-pinna tas-sur Victor Scerri (Soċju Onorarju) u ttieħdet mill-Ktieb tal-Festa tas-sena 2014 fl-għeluq tas-sittin sena anniversarju ta' dan il-Planċier. 

Nixtiequ nħeġġu lin-Naxxarin kollha sabiex itellaw l-bnadar fuq il-bjut tagħkom matul dawn id-disa' Sibtijiet li ġejjin li jwassluna għal Festa tant għażiża tagħna ta' Ommna Marija Bambina.

 

Parti mill-Feature tal-Festa 2014 dwar il-Planċier

L-aħħar aġġornament sar nhar: Is-Sibt, 13 ta’ Lulju 2019


1 
John magro - Naxxar
13 Lulju 2019 03:49 PM
Il haddied lucens Agius ismu propju kien innocenzo.

Aħbarijiet Riċenti

Kalendarju tax-Xahar

  • April 2024
    ĦadTneTliErbĦamĠimSib
    31123456
    78910111213
    14151617181920
    21222324252627
    2829301234
    567891011

Mill-Arkivji

Ħajr lil

Segwijna fuq Facebook

Segwijna fuq Spotify