Il-kunċert annwali “A Night at the MoviesⅡ” tal-Banda Peace tan-Naxxar, li sar fit-22 ta’ Novembru fit-Teatru ta’ San Alwiġi f’Birkirkara - serata mużikali memorabbli li laqqgħet flimkien mużika, żfin u emozzjoni. Taħt id-direzzjoni tas-Surmast Lino Pirotta, il-banda ppreżentat programm ispirat minn soundtracks u mużika ikonika mill-films l-aktar maħbuba, u offriet spettaklu ta’ livell għoli mimli nostalġija u dinamika artistika.
Din is-serata kienet ippreżentata minn Claire Agius u arrikkita b’koreografiji oriġinali mill-Aline Dance Academy ta’ Alana Bondin, li żiedu dimensjoni viżiva u artistika qawwija. Il-kantanta Amber Bondin impressjonat lill-udjenza b’interpretazzjonijiet mill-aqwa ta’ suċċessi magħrufa. Dan il-kunċert ikkonferma għal darb’oħra s-suċċess ta’ din it-tema u l-kwalità artistika li l-Banda Peace tkompli toffri lill-pubbliku tagħha.