Nhar il-Ġimgħa 31 ta' Awwissu ġiet organizzata Festa Tfal ġewwa n-Naxxar mis-Soċjeta' tagħna bl-isem BAMBINAFEST, fejn għal din l-okkażjoni mill-isbaħ is-Soċjeta' nnawgurat statwa ċkejkna u ġdida ta' Ommna Marija Bambina sabiex tiżżanżan għal din l-okkażjoni u tintrefa' mit-tfal Naxxarin. Din l-istatwa ġiet maħduma mit-terracotta (tafal moħmi) mill-artist bravu Manuel Farrugia u r-raġġiera u stellarju saru mill-artist Joseph Vella. F'din l-attivita' attendew numru sabiħ ħafna ta' tfal u minn hawnhekk nixtiequ nirringrazjaw lill-ġenituri u qraba ta' dawn it-tfal talli għoġobom iġibu t-tfal tagħhom f'din l-attivita'. L-attivita' bdiet minn fuq iz-zuntier fejn l-istess statwa ġiet imbierka minn Dun David Gauci u ġiet akkumpanjata mill-Banda Peace minn fuq iz-zuntier sa quddiem is-sede tagħna b'daqq ta' marċi brijjużi u Ave Maria. L-istatwa ġiet merfuwa mill-istess tfal minn fuq iz-zuntier sas-sede tagħna. Hekk kif jixhdu l-filmati, kienet okkażjoni unika u sabiħa fejn stajt tara tfal ta' kull eta' ħerqanin sabiex jerfaw din l-istatwa hekk sabiħa. Wara din iċ-ċelebrazzjoni, sar festin fis-Sala Marija Bambina, fejn it-tfal ħadu sehem f'ħafna logħob u attivitajiet oħra. Wara l-Festin, it-tfal reġaw refaw din l-istatwa fis-Sala Marija Bambina.
Din l-attivita' ġiet mtellgħa u organizzata mill-ewwel Kummissjoni Tfal f'Beltna, n-Naxxar, u minn hawn nixtiequ nirringrazjaw lill dawn it-tfal li jiffurmaw parti minn din il-Kummissjoni tas-suċċess u organizzazjoni li għamlu fl-ewwel attivita' tagħhom. Nixtiequ nieħdu l-opportunita' sabiex nħeġġu aktar tfal jinngħaqdu f'din il-Kummissjoni sabiex b'hekk isiru midħla aktar tal-kultura Maltijja.
Aktar ritratti fuq il-ħidma tal-istatwa tistaw ssibuwom fuq hawn: Għafas hawn.
Filmat: It-tberik tal-istatwa ċkejkna ġdida, xbieha ta' Ommna Marija Bambina
Filmat: Parti mill-brijju u spettaklu li kien hemm f'din l-attivita' - BAMBINAFEST
Filmat: Filmati Live mis-Sala Marija Bambina waqt lit-tfal kienu qiegħdin jipparteċipaw fil-logħob