F’lejla speċjali ġewwa Palazzo Parisio saret iċ-ċelebrazzjoni tal-għoti tal-unuri u premjijiet organizzata mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar. Matul din l-attività, il-prestiġjuż “Ġieħ in-Naxxar 2026” ingħata lis-Sur Joseph Galea bħala rikonoxximent tal-kontribut twil u sinifikanti tiegħu lejn il-komunità Naxxarija.
Joseph Galea, magħruf minn ħafna bħala “Ġużi tal-Lippu”, ilu snin twal jikkontribwixxi b’mod attiv fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Peace, Naxxar. Wieħed mill-aktar inizjattivi li jibqgħu mfakkra huwa t-twaqqif, 26 sena ilu, tas-sala tal-isnooker fis-sede tas-soċjetà. Din is-sala maż-żmien saret punt ta’ laqgħa importanti għall-komunità u llum tifforma parti essenzjali mill-wirt sportiv tar-raħal, speċjalment hekk kif din is-sena qed jiġi mfakkar il-100 anniversarju tal-isnooker fin-Naxxar.
Minkejja li llum għandu 80 sena, is-Sur Galea għadu jkompli jieħu ħsieb din is-sala b’mod volontarju u b’dedikazzjoni kbira. Huwa jorganizza diversi kompetizzjonijiet, kemm fuq livell lokali kif ukoll nazzjonali u internazzjonali, u jibqa’ attiv fil-promozzjoni tal-isport fil-komunità.
Tul ħajtu, Joseph Galea wera wkoll impenn qawwi lejn l-arti u l-attivitajiet soċjali tar-raħal. Huwa ta sehem importanti fil-karrijiet tal-Karnival u serva wkoll fil-Kumitat tan-Naxxar Lions FC, dejjem b’għan wieħed ċar: li jkompli jsaħħaħ u jgħolli l-isem tan-Naxxar.
Dan l-unur huwa ġieħ mistħoqq lil persuna li tul snin sħaħ ħadmet b’passjoni u dedikazzjoni għall-ġid tal-komunità.
Prosit tassew, Joseph Galea, u viva n-Naxxar li tant tħobb!
L-aħħar aġġornament sar nhar: Il-Ħadd, 8 ta’ Frar 2026