Diġa għaddiet ġimgħa minn mindu l-Kummissjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċjeta' Mużikali Peace flimkien mal-artist u disinjatur tal-faċċata s-sur Edward Azzopardi ġew premjati mill-Malta Records għall-akbar ammont ta' disinji maqtugħin fl-injam fuq faċċata ta' każin b'ammont ta' 788 disinn fl-injam. Id-disinn tal-faċċata l-ġdida li ġiet inawgurata għall-ewwel darba fil-pjazza nhar it-Tnejn 3 ta' Settembru 2018, irrekjediet bosta xogħol, ħin u dedikazzjoni minn ħafna partitarji tas-Soċjeta' tagħna. Nistaw ngħidu li din il-faċċata saret kollha mill-partitarji tas-Soċjeta'. Id-disinn, ingrandimenti u xogħol tal-injam saru mis-sur Edward Azzopardi u x-xogħol tal-ħadid sar mis-sur Ryan Cauchi u s-sur Daniel Bonavia. Pero' mingħajr l-għajnuna tal-partitarji li kienu jgħinu kuljum sabiex il-proġett tal-faċċata jibqa' miexi l-quddiem, din il-ħolma ma kinetx isseħħ realta' dis-sena. Allura minn qalbna nixtiequ nirringrazzjaw lil kull individwu li kien jiġi b'mod volontarjat sabiex isir xogħol ta' xkatlar, żebgħa u qtugħ fl-injam u fil-ħadid. Nixtiequ fl-aħħar u mhux l-anqas nirringrazzjaw lill-artist Redrian Micallef tax-xogħol ta' sfurmar li għamel fuq id-drapp u d-disinni tal-injam.
Tajjeb li nsemmu' li x-xogħol ta' ħadid inħadem b'ċertu reqqa, dan għaliex wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħna kien li mall-faċċata ma jitwaħlux imsiemer, boltijiet jew ħadid ieħor biex jitwaħħal id-disinn. Għalhekk il-ħadid inħadem b'sistema ta' ġakkijiet sabiex ma jsir l-ebda ħsara mall-faċċata tal-Palazz kbir, storiku u għażiż tagħna.
Fin-nofs ta' din il-faċċata tpoġġiet ir-replika tal-istatwa artistika ta' Ommna Marija Bambina. It-tlugħ tal-istatwa isir normalment fil-5 ta' Settembru', pero għal okkażjoni tat-3 ta' Settembru 2018 l-istatwa kienet qiegħda ssebbaħ l-armar artistiku tal-faċċata. L-istatwa hija mdawra bid-daqq tal-kor tal-anġli. Dan huwa veru armar li jirrifletti l-identita' tagħna; Soċjeta' mimlija storja, kultura u mużika ta' aktar minn 155 sena.
Din il-faċċata mhux bil-kliem biss imma wkoll bil-fatti tista tissejjaħ FAĊĊATA KOLLOSALI.
Filmat: Innawgurazjoni tal-Faċċata LIVE
F'dan il-filmat tistaw taraw l-ftuħ u l-innawgurazjoni tad-disinn tal-Faċċata fejn l-isfond tistaw tisimaw deskrizzjoni fuq kull disinn tal-faċċata
Għal aktar filmati fuq l-attivita' tal-Innawgurazjoni ta' din il-Faċċata Kollosali li saret nhar it-Tnejn 3 ta' Settembru, għafsu fuq dan il-link.
Nħeġġukom żżommu ruħkom aġġornati ma' dan is-sit għaliex fil-jiem li ġejjin ser intellaw ir-ritratti tal-FESTA 2018, nkluż ir-ritratti ta' din l-isbaħ u l-akbar faċċata fin-Naxxar.
L-aħħar aġġornament sar nhar: Il-Ġimgħa, 14 ta’ Settembru 2018