Il-President u l-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar, jikkundannaw l-att irresponsabbli li sar dalgħodu kmieni, fejn intwaddbu ammont kbir ta’ karti mimlija nsulti kontra s-Soċjetà u l-Membri tagħna.
Ninnutaw li dan l-aġir sar wara li fil-jiem li għaddew il-Kumitati taż-żewġ Għaqdiet tal-Banda fin-Naxxar wrew sinjali ta’ għaqda reċiproka u żorna l-Każini ta’ xulxin. Żgur li min wettaq dan l-aġir ma jridx li nkomplu naħdmu flimkien għall-iskopijiet imsejkna tiegħu. Tal-misħija li għad hawn min irid ikompli jiżra' l-firda u l-mibgħeda fin-Naxxar.
Il-Kumitat ħa jieħu l-passi kollha meħtieġa skont il-liġi u qed inxandru l-filmat tas-CCTV cameras li ħa jingħata lill-awtoritajiet. Nappellaw biex kull min għandu xi nformazzjoni jersaq ‘l quddiem ħalli din il-persuna tinqabad u titressaq biex tirrispondi għal għemilha.
Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Kumitat tal-Għaqda Marija Bambina, Banda Vittorja li ħarġu stqarrija u kkundannaw dak li seħħ. Nirringrazzjaw ukoll lis-Sindku Ann Marie Muscat Fenech Adami li mal-ewwel ħadet ħsieb tavviċina lill-Membri taż-żewġ għaqdiet u jsir it-tindif meħtieġ.
Aħna nikkommettu ruħna biex inkomplu naħdmu u nirsistu għall-ġid tan-Naxxarin KOLLHA.
Matthew Pullicino
Segretarju Ġenerali
Peace Band Club, Naxxar
Filmat tac-CCTV li juri l-att irresponsabbli li sar dalgħodu kmieni
Ritratt: Il-membri taż-żewġ Kumitati flimkien fil-Każin tal-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja. Il-Kumitat tas-Soċjeta' Mużikali Peace mad-dħul tal-Irxoxt, irreċiproka u stieden lill-membri tal-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja fil-każin tagħna.
L-aħħar aġġornament sar nhar: It-Tnejn, 22 ta’ April 2019