Illum ninsabu fis-Seba' Sibt tal-Festa għażiża ta' Marija Bambina u ninsabu ftit ġranet il-bogħod mit-twaqqif tal-Kolleġġjata tan-Naxxar u l-pussess tal-ewwel Kanonċi. Nhar il-Ġimgħa 28 ta' Awwissu 2020 propju fil-ġurnata li ta' kull sena nkunu qiegħdin niċċelebraw il-Ħruġ minn-niċċa ser issir Quddiesa ta' ringrazzjament mill-Kapitlu tan-Naxxar. F'dan is-Sibt xtaqna nerġaw infakkru dawk il-mumenti sbieħ tat-28 ta' Awwissu 2019 meta l-Arċipriet Dun David Gauci ħabbar uffiċjalment li l-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali tan-Naxxar ġiet elevata għad-dinjita' ta' Kolleġġjata mill-Arċisqof ta' Malta, Mons. Charles J. Scicluna.
Nixtiequ nfakkrukom li s-Soċjeta' Mużikali Peace kienet strumentali f'din il-proposta li tiġi elevata għal Kolleġjata. Fil-poster ta' dan is-Sibt tistaw tinnutaw ritratt tal-President tas-Soċjeta' Edward Azzopardi, il-Viċi President Clifford Galea Vella Maslennikov, u s-Sagristan Godwin Gauci, waqt laqgħa li saret nhar l-1 ta' Lulju 2019, fil-Kurja Arċiveskovili fejn l-Eċċelenza Tiegħu aċċetta li jeleva l-Knisja tagħna għall-ġieħ il-KOLLEĠĠJATA.
Filwaqt li nerġaw għal darb oħra nirringrazjaw tal-fiduċja u nifirħu lill-W.R. Dun David Gauci, l-ewwel Arċipriet tal-Kolleġġjata, flimkien mal-Kapitlu, fil-ħidma pastorali tagħhom, kburin li s-Soċjeta' tagħna kienet, għadha u tibqa' ta' servizz lin-Naxxar u n-Naxxarin!
VIVA MARIJA BAMBINA!
L-Innu Popolari Ta' Marija Bambina - 'O Tfajla Mmakulata'
Miktub minn Mro. Ferdinando Camilleri, jindaqq mill-'Peace Band Club' u jitkanta mil-kor 'The New Choral Singers'
Dan huwa l-innu popolari tal-Bambina fin-Naxxar bl-isem "O Tfajla Mmakulata". Dan l-innu ġie miktub mill-qatt minsi Mro. Ferdinando Camilleri li kien surmast tal-Banda Peace (dak iż-żmien Banda La Pace) mis-sena 1917-1922. L-istess surmast kiteb dan l-Innu sabiex ikun jista jindaqq mill-Banda Peace fil-Festa ta' Marija Bambina ġewwa n-Naxxar. .
Filmat qasir mis-Soċjeta' fuq dan l-avveniment storiku għal Beltna
L-aħħar aġġornament sar nhar: Il-Ġimgħa, 28 ta’ Awwissu 2020